Pre-op Assessment and Preparation (Maltese)

nformazzjoni għal dawk in-nies li dalwaqt ser ikollhom operazzjoni, biex jsiru jafu aktar dwar l-Anestesija.

  1. X’nifhmu b’Anestesija ?
  2. Tipi t’Anestesija: Generali, Lokali, Topikali, Regjonali, Sedation.
  3. It-Tim tal-Operazzjonijiet.
  4. X’jagħmel l-Anestetist qabel, waqt u wara l-operazzjoni.
  5. X’tista tagħmel fiż-żmien qabel ma tiġi għall-operazzjoni.
  6. Mediċini u Allergiji.
  7. Dakinhar tal-operazzjoni.
  8. Il-Viżta ta’ Qabel l-Anestesija.
  9. X’mgħandekx tinsa !
  10. Meta tiltaqa mal-Anestetist. Il-kunsens
  11. Kif tlesti ruħek għal Operazzjoni.
  12. Mediċini ta’qabel l-Anestesija
  13. Meta jasal il-waqt biex tinżel għall-Operazzjoni
  14. Ftit qabel ma torqod.
  15. Wara li tintilef,
  16. Waqt l-operazzjoni
  17. Wara l-operazzjoni
  18. Meta titla fis-sala
  19. Transfużjoni tad-Demm.
  20. Effetti sekondarji u kumplikazzjonijiet tal-Anestesija

Jekk tkun trid taf aktar milli hawn miġbur hawnhekk, nissuġġerulek iżżur din is-sit tal-internet, naturalment bl-Ingliż: www.youranaesthetic.info

X’nifhmu b’Anestesija ?

Bil-Malti mdorrijin nużaw il-kelma ‘Loppju’ meta rridu nfissru Anestesija. Il-kelma ‘loppju’ ġejja mill Ingilż Opium. Din il-kelma ġejja mill-Grieg όpion – il-ġulepp ta’ pepprina partikulari (Xaħxiħa l-bajda). Minn dan il-ġulepp tissaffa l-Morfina, mediċina qawwija li għadha tintuża sal-lum biex ittaffi l-uġiegħ.

Anestesija hi l-kelma propja li għandha tintuża biex tiddeskrivi waħda mill-ikbar skoperti tal-bniedem, aktar minn 150 sena ilu, il-kapaċita’ li tixxejjen is-sensibilta ta’ bniedem biex tkun tista’ ssirlu operazzjoni bla tbatija.

Tipi t’Anestesija

Meta tingħata Anestesija ġenerali, (Anestesija fejn torqod kollok kemm int), titqiegħed f’kundizzjoni fejn tintilef minn sensik, b’mod l-aktar ikkontrollat, biex tkun tista’ ssirlek l-operazzjoni mingħajr ma inti tibża’, tiċċaqlaq jew tbati. Normalment din it-tip t’Anestesija tingħatalek jew b’injezzjoni fil-vina fi driegħek jew billi tieħu n-nifs minn maskla minn fejn joħroġ il-gas anestetiku. Kemm l-injezzjoni u kemm il-gass jitwasslu permezz taċ-cirkulazzjoni tad-demm lejn il-moħħ fejn jagħmlu l-effett tagħhom. Iż-żewġ metodi huma effettivi ndaqs. It-tnejn li huma, jiżguraw li waqt l-operazzjoni inti ma tħossx xejn. Waqt l-operazzjoni jiġu użati aktar injezzjoniet u gass anestetiku skond il-bżonn. Anke jekk tibża’ ħafna, serraħ rasek li la ser tara u lanqas ser tisma’ xejn. Meta tispiċċa l-operazzjoni ġismek jitħalla jeħles mill-Anestesija. L-effett tagħha fuq il-moħħ jisfuma u inti terġa’ tiġi f’sensik fi ftit minuti. Dan naturalment jiġri wara li tkun lesta l-operazzjoni.

M’hemmx għalfejn tirremetti biex tneħħi l-Anestesija. Li tiddardar u tirremetti huma effetti sekondarji. Dawn huma effetti mhux mixtieqa ta’ kwalunkwe mediċini li jiġru sikwit imma mhux bilfors (bl-Ingliż side-effects). Jeżistu diversi mezzi biex dawn l-effetti xejn pjaċevoli inrażżnuhom imma mhux dejjem jaħdmu mija fil-mija. Injezzjonijiet biex ineħħu l-uġieħ (bħal Petidina u l-Morfina) jagħtu effetti sekondarji simili bħal tal-Anestesija.

Sedation’ tirreferi għal meta int tiġi kkalmat u mħeddel, imma ma tkunx barra minn sensik għal kollox. Hemm mnejn jiġu xi mumenti fejn għajnejk imorru bik u torqod għal ftit. Dan it-tħeddil jista’ jsir permezz ta’ pilloli jew mistura imma l-aktar metodu komuni hi permezz t’injezzjoni. L-iskop ta’dan it-tħeddil hu biex inti ma teċitax ruħek b’dak li jkun qed isir madwarek u ma tarax il-ħin għaddej. Ħafna nies jinsew dak kollu li jkun għadda mingħalihom waqt li jkunu mħeddla.

X’aktarx diġa’ ġarrabt Anestesija lokali meta qlajt xi sinna jew darsa. Id-dentist tak tingiża fil-ħanek biex mewwitlek jew ‘jiffriżalek’ il-ħanek madwar is-sinna li kellek taqla’. U inti ma ħassejt xejn.

Forsi taf ukoll bl-Anestesija topikali bħal meta jintefgħu qtar fl-għajn biex titneħħilhek xi farka. Anestesija topikali tista’ tkun ukoll f’forma t’ingwent jew spray.

Jekk idejna tmiss ma’ kitla taħraq, in-nervituri tal-wiċċ ta’ jdejna, immedjatament iwasslu messaġġ tul id-driegħ kollu lejn is-sinsla t’għonqna u mbagħad minn hawn jgħaddu lejn il-moħħ. B’hekk insiru konxji ta’ l-uġiegħ. Fl-istess ħin is-sinsla tibgħat risposti awtomatiċi f’nervituri oħrajn lejn il-muskoli ta’dirgħajna biex, f’ħakka t’għajn, idejna tinġibed il-bogħod mill-kitla, b’mod li nsejħulu ‘rifless’. Dan il-mekkanizmu naturali jipproteġina minn ħafna għawġ.

Issa, fil-każ t’operazzjoni fuq l-istess id, l-uġiegħ u ċ-ċaqlieq ifixkel u mhux jgħin u għalhekk jeħtieġ li nxejnuh. Is-sinjali fin-nervituri jistgħu jiġu bblokkati b’injezzjoni t’anestetiku lokali viċin l-ispalla, fejn in-nervituri jkunu għadhom ħoxnin biżżejjed biex jinstabu aktar facilment. B’hekk id-driegħ kollu jorqod u kemm il-ġilda, il-muskoli u l-għadam ma jħossu l-ebda uġiegħ waqt l-intervent kirurgiku. Fl-istess ħin idejna tkun mitluqa kompletament u la tista tiċċaqlaq u lanqas tinġibed, sakemm idum l-effet tal-Anestesija.

Din it-tip t’Anestesija fejn partijiet sostanzjali tal-ġisem jitraqqdu, waqt li inti tibqa l-ħin kollu f’sensik, tissejjaħ Anestesija reġjonali. Din, barra fl-id tista tintuża fis-sieq, fil-qafas tas-sider, fiż-żaqq u l-partijiet t’isfel tal-ġisem – skont fejn tkun ser issir l-operazzjoni. Din il-forma t’Anestesija ssoltu tingħatalek meta tkun għadek f’sensik fil-kamra msejħa Anaesthetic room. Din tinvolvi tingiża (jew aktar) bil-labar. Tibżax, l-Anestetist ikun qed jagħmel l-almu tiegħu kollu, biex inti tħoss mill-anqas. Ħafna drabi inti tingħata sedation biex tikkalma. L-Anestetist ikollu bżonn il-kooperazzjoni tiegħek biex toqgħod f’pożizzjoni partikolari, skont il-każ, u ma tiċċaqlaqx kemm jista’ jkun. Meta l-Anestesija reġjonali tkun ser issirlek fi driegħek jew riġlejk, ħafna drabi tista’ tħoss xi qbiż fil-muskoli tal-parti fejn ikun qed tingħata l-Anestesija. Jekk tħoss xi uġiegħ tiddejjaqx tgħid l-Anestetist, imma tgħin l-Anestetist jekk ma titkellimx mingħajr bżonn u tipprova tintelaq kemm tista.

Hemm żewġ tipi prinċipali t’Anestesija reġjonali bit-tingiż fix-xewka ta’dahrek.

Hemm dik li tissejjah spinali fejn labbra kemmxejn twila imma rqiqa ħafna titressaq bil-mod sakemm tisporġi fl-ilma ta’madwar in-nervituri fix-xewka tad-dahar. Hemm jingħata ftit qtar t’Anestesija lokali u l-labbra titneħħa. L-effett tħossu, tista’ tgħid, mal-ewwel. Tibda tħoss saqajk jisħnu, jintelqu, u mbagħad ma tħoss xejn aktar fihom, ħlief qisha sensazzjoni ta’nefħa. Dan l-effett jinfirex bejn wieħed u ieħor sa qaddek, skont il-bżonn u jġebbed għal xi 4 sa 6 siegħat. Dan it-tip t’Anestesija jintuża sikwit f’operażżjonijiet f’partijiet tal-ġisem ‘miż-żokkra ‘l isfel’. L-Anestetist jiżgura li inti la tħoss u lanqas tara xejn mill-operazzjoni, permezz ta’ liżar li jittella’ quddiemek. Tista tingħata xi forma ta’ kalmant ħafif u ossiġnu matul l-operazzjoni kolla. L-Anestetist jibqa’ miegħek tul l-operazzjoni kollha, jindokrak u jieħu ħsiebek. Jekk f’xi ħin jgħaddilek ħsieb jew tħoss xi skomdu x’imkien tkun tista’ tgħidlu int stess. Minnħabba l-frisk fit-tejatru tal-operazzjoni jitpoġġa bħal saqqu minfuħ (bħal lajlow) madwarek li minnu tgħaddi arja sħuna, biex inti tħoss l-irdoss. Tista’ tisma’ xi mużika fit-tejatru.

Forma t’Anestesija simili hi dik li tissejjaħ epidurali. It-tingiża tkun fl-istess post imma l-labbra titwassal biss sar-rita jew kisja tan-nervituri. Qabel ma titneħħa l-labbra jitħalla tarf ta’pajp twil u rqiq ħafna tal-plastik, li minnu jkun jista’ jingħata Anestesija lokali. Aktar Anestesija jkun jista’ jingħata kemm-il darba, skont il-bżonn, biex l-effett tiegħu ma jmajna xejn. B’hekk l-Anestesija tista tittawwal għal operazzjonijiet itwal. Wara l-operazzjoni, jkun jista’ jinagħta Anestesija pjuttost immerraq, permezz ta’ pompa elettronika, anke għal ġranet sħaħ skont il-bżonn. L-uġiegħ tal-ferita u l-ġewwieni, għalik, qisu qatt ma kien! Billi ma tkunx tista’ tiċċaqlaq, jista’ jkun hemm bżonn li jsirlek pajp għall-bużżieqa tal-awrina, biex din tgħaddi waħedha għal ġo borża, bla sforz ta’ xejn.

L-effett ta’ l-Anestesija Epidurali tisfuma fuq l-istess medda ta’ ħin bħal Anestesija spinali, wara l-aħħar żieda jew top-up. Jista jkollok bżon t’aktar minn tip wieħed t’Anestesija fl-istess ħin. Per eżempju ssirlek Anestesija reġjonali li jmewwitlek żaqqek u mbagħad tingħatlek Anestesija ġenerali biex tintilef u ma tara xejn. Meta l-operazzjoni tkun lesta, l-Anestesija ġenerali titwaqqaf u inti tistembaħ, imma l-Anestesija reġjonali tiġi mtawwla kemm hemm bżonn.

It-Tim tal-Operazzjonijiet.

Biex l-operazzjoni tiegħek isseħħ b’suċċess id-diversi ħaddiema jkunu jridu jaħdmu id f’id bħal tim.

L-Anestetisti jiġifieri l-Ispeċjalisti tal-Anestesija, huma tobba li jagħtuk l-Anestesija u jindukrawk waqt li int tkun taħt l-effett tagħha.

Fl-Isptar Mater Dei, l-Anestetisti jistgħu jkunu Maltin jew barranin minn diversi pajiżi imma li jitkellmu bl-Ingliż. Jistgħu ikollhom grad ta’ Konsulent li hu grad għola minn ta’ Speċjalista. Malta mdorrijin nużaw il-kelma ‘Professur’ – li tfisser Kap ta Dipartiment fl-Universita’ – meta rridu nfissru Konsulent – li mhux eżatt.

L-Anestetisti li jieħdu ħsiebek jistgħu wkoll ikunu apprentisti (Trainees) li huma diġa’ tobba, imma li jkunu qed jitħarġu biex fl-Anestesija. Naturalment dawn ikollhom l-għajnuna tal-Ispeċjalisti magħhom jew fil-qrib.

Mal-Anestetist ikun hemm Infermiera speċjalizzati fl-Anestesija li jgħinu lill-pazjent u lit-tabib tal-Anestesija biex kollox jimxi ħarir. F’Malta l-Infermiera tal-Anestesija ma jistgħux jagħtu l-Anestesija waħedhom bħal f’ċerti pajjiżi oħra. Dawn ukoll jistgħu jkunu Maltin jew barranin jitkellmu bl-Ingliż. Dawn l-Anaesthetic Nurses huma mħarrġin biex jassistu lil-Anestetista min x’ħin tidħol għal operazzjoni sakemm tkun lest biex tmur lura is-sala. Jippreparaw l-apparat u dak kollu li jkun hemm bżonn għal-Anestesija.

Mal-Kirurgu (l-iSpeċjalist jew Professur/a li jkun ser jagħmillek l-operazzjoni) jkun hemm tim t’Infermiera speċjalizzati li jassistu fl-operazzjonijiet. Dawn l-iScrub Nurses jippreparaw u jnewwlu l-għodda li jkun hemm bżonn lil-Kirurgi waqt l-operazzjoni. Il-ħaddiema kollha fil-Kamra tal-Operazzjoni jkunu qed jagħmlu ħilithom biex l-intervent tiegħek ikun suċċess. B’hekk il-Kirurgi jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq l-operazzjoni innifisha b’rashom mistrieħa li inti qed tinżamm fl-aqwa kundizzjoni possibli.

Jekk l-operazzjoni tkun estensiva jew diffiċli, jew il-kundizzjoni ta’ saħħtek tkun dgħajfa u jkollok bżonn perjodu t’osservazzjoni itwal jew aktar intensiva mis-soltu, jista’ jinħass il-bżonn li tittieħed fil-Qasam tal-Kura Intensiva (jew kif inhi aħjar magħrufa l-ITU jew Intensive Care Unit). Hemmhekk ikun hemm Anestetisti u Infermiera speċjalizzati f’dan il-qasam, li jkomplu jindukrawk biex jilqgħulek għal kull kumplikazzjoni li tista’ tinqalagħlek, 24 siegħa kuljum, sakemm inti tkun tajjeb biżżejjed biex tmur fis-sala normali.

Studenti tal-Mediċina jistgħu jkunu preżenti waqt l-operazzjoni tiegħek. Dawn qatt ma jkunu qed jieħdu ħsieb ta’ l-Anestesija tiegħek imma jkunu qed josservaw biss, biex jitgħalmu.

Is-swali tal-operazzjonijiet jeħtieġ li jinżammu ndaf il-ħin kollu. Minħabba f’hekk it-tindif tas-swali tal-operazzjonijiet huwa xogħol kontinwu. Il-cleaners, l-istaff li jieħdu ħsieb dan, huma mportanti ħafna wkoll.

X’jagħmel l-Anestetist.

Qabel l-operazzjoni, L-Anestetist jiżgura ruħu li inti ppreparat tajjeb għal-Anestesija. Jiċċekkja jekk tbatix minn xi kundizzjonijiet partikolari li jistgħu jaffetwaw il-metodu tal-Anestesija, u jiddiskuti miegħek biex jintagħżel metodu t’Anestesija addattat għalik u l-operazzjoni partikolari li tkun ser tgħaddi minnha.

Waqt l-operazzjoni, l-Anestetist jkun responsabbli tiegħek u jeħodlok ħsieb ta’ kollox. L-ewwelnett jiżgura li inti barra minn sensik biżżejjed – la aktar u lanqas izjed. In-nifs tiegħek ikun mkejjel u rregulat permezz ta’ magna tan-nifs jew ventilatur. Bl-għajnuna ta’ monitors elettroniċi komjuterizzati l-ossiġnu fid-demm tiegħek jiġi ċċekkjat ma’ kull taħbita tal-polz. Qalbek u l-pressjoni taċ-cirkulazzjoni tad-demm ikunu taħt għajnejn l-Anestetist. Jordna testijiet partikulari tad-demm (per eżempju taz-zokkor) biex il-kundizzjoni tiegħek tkun żgurata mija fil-mija.

L-Anestetist jiċċekja li inti tkun f’pożizzjoni komda u żgura tul l-operazzjoni. Jagħmel mill-aħjar biex ma titlifx ħafna mis-sħana tal-ġisem u b’hekk meta tqum tkun fl-aħjar kundizzjoni. Jekk l-Anestetist jara li għandek bżonn, iqattarlek l-ilma permezz ta’ drip, biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas jew telf tal-ilmijiet naturali tal-ġisem, li hu proċess normali f’ħafna operazzjonijiet. Jekk tibda titlef id-demm, l-Anestetist jieħu ħsieb biex jagħmel tajjeb għal dan ukoll.

Wara l-operazzjoni inti tittieħed ġo sala fil-viċin, armata apposta li tissejjaħ Recovery Room fejn inti tistejqer bil-kwiet taħt l-osservazzjoni t’Infermiera apposta. L-Anestetist jiżgura ruħu li inti għandek mezz adekwat kif tilqa’ għall-uġiegħ skont il-bżonn.

X’tista tagħmel, qabel il-ġurnata tal-operazzjoni.

Jekk tpejjep.

It-tipjip ma jagħmel ġid lil ħadd. La lilek u lanqas lil ta’ madwarek. Aktar ma tieqaf fit-tul mit-tipjip qabel l-operazzjoni, aktar ikollok demmek f’saħħtu biex iwassallek l-ossiġenu. Qatt mhu tajjeb li tpejjep. Ħafna jimmotivaw ruħhom bl-operazzjoni u jirnexxilhom jaqtgħu t-tipjip, darba għal dejjem. Min ipejjep, hu aktar suġġett għal kumplikazzjonijiet ta’ nifs u ċirkulazzjoni. Għalhekk il-fejqan jista’ jkarkar aktar fit-tul.

Jekk għandek piż żejjed.

Aktar ma tnaqqas mill-piż żejjed aktar tnaqqas iċ-ċans li jkollok problemi bl-Anestesija u kumplikazzjonijiet ta’ wara l-operazzjoni bħal fin-nifs u ċirkolazzjoni. Il-fejqan tal-feriti jkun aktar żgurat.

Jekk għandek xi snien jew dras jiċċaqalqu, jew bridges mkissrin.

Jekk għandek xi ħsarat tajjeb li tmur għand id-dentist tiegħek biex jeħodlok ħsiebhom. Titraskurax.

Jekk għandek xi kondizzjoni kronika.

Jekk tbati minn xi problema bħal diabete, pressjoni għolja, qalb għajjiena, ażma jew oħrajn tagħmel tajjeb li tmur għand it-tabib tiegħek biex tiċċekja li l-kundizzjoni tiegħek hi stabbli.

Il-Viżta ta’ Qabel l-Anestesija. (Pre-operative Assessment Clinic)

Qabel tingħata l-Anestesija saħħtek tiġi ċċekjata b’vista fl-Outpatients fil-Pre-assesment Clinic. Għal dan l-appuntament fl-isptar trid tasal sad-Day Care Ward, li tinstab Livel -1, (in-naħa miżbugħa blu). Din il-viżta titmexxa minn Infermiera u Anestetisti. Permezz ta’ sensiela ta’ mistoqsijiet, jitniżżlu dettalji rigward saħħtek. Importanti ħafna li ġġib il-pilloli kollha li tkun qed tieħu – kemm dawk bil-parir tat-tabib u kemm dawk li tieħu minn jeddek. Ħafna nies jinsew l-isem u d-doża tal-pillolli. Jekk għandek xi noti (discharge letters) jew rizultati ta’ testijiet minn tabib, speċjalista jew sptar privat, ftakar ġibhom miegħek. Toqgħodx lura milli ssaqsi xi mistoqsijiet jew tesprimi xi biżgħat li jista jkollok fuq l-Anestesija. Dan hu l-waqt fejn tinforma ruħek biex b’hekk inkunu nistgħu nserrħulek rasek. Testijiet tad-demm, ritratt tal-qalb (ECG) u X-ray ta’ sidrek isirulek jekk ikun hemm bżonn. Jista’ jsirlek appuntament għal xi testijiet speċjalizzati f’każijiet partikulari.

Tiġi mistoqsi jekk : 

  • tbatix b’xi mard serju issa jew fil-passat.
  • x’operazzjonijiet sarulek fl-imgħoddi.
  • nqalgħulekx problemi drabi oħra li ngħatajt l-Anestesija.
  • kienx hemm xi ħadd fil-familja li kellu xi problemi bl-Anestesija
  • tbagħtix b’uġiegħ f’sidrek.
  • ikollokx qtugħ ta’ nifs.
  • issofri bil-ħruq ta’ stonku
  • għandekx xi uġiegħ li jfixklek milli timtedd komdu
  • mportanti turina x’sustanzi qed tieħu għal xi dieta speċjali, sport jew gost.
  • għandekx xi snien, dras jew ‘bridges’ li qed jiċċaqalqu jew tużax snien foloz.
  • għandekx batteriji tal-qalb (pacemakers),
  • tużax apparat tas-smiegħ (hearing aids) u lentijiet ta’ kuntatt contact lenses).
  • għandekx imsielet tal-metall x’imkien f’ġismek.
  • tpejjipx
  • kemm tixrob alkoħol
  • jekk teħux mediċini ordnati mit-tabib b’mod regolari.eż: Piolli, injezzjonijiet u pompi (inhalers)
  • teħux mediċini b’mod regulari mhux ordnati minn tabib, anke jekk magħmula minn ħxejjex naturali.
  • tbatix b’allerġiji speċjalment għal mediċini partikulari.

TINSIEX !

Jekk qed tieħu xi mediċini b’ordni mill-isptar qis li ġġib il-kartuna is-safra.

Jekk qed tixtri xi mediċini, anke jekk magħmulin minn ħxejjex naturali, importanti li ġġibhom miegħek (bil-pakkett u l-kitba ta’ ġewwa) biex l-Anestetist ikun jaf eżatt x’qed tieħu u kif dawn jaffetwaw l-Anestesija.

Importanti ħafna tkun taf l-isem eżatt tal-mediċini li ma jaqblux miegħek jew li jqabbduk allerġija.

Jekk ma jkollokx appuntament għal din il-vista, tiġi nvistat fis-sala meta tidħol l-isptar qabel l-operazzjoni.

Meta tiltaqa mal-Anestetist

Meta hu possibli l-Anestetist jiġi jarak fis-sala qabel ma tinżel għal operazzjoni.

L-Anestetist jara l-istorja u jifli r-risultati tal-laboratorju tiegħek, jistaqsik xi mistosijiet, u jeżaminalek sidrek, għonqok u ħalqek jekk ikun hemm il-ħtieġa.

L-Anestetist imbagħad jiddiskuti miegħek il-metodu t’ Anestesija skont:

  • l-operazzjoni partikolari
  • l-istat ta’ saħħtek u kundizzjonijiet partikolari tiegħek
  •   xi preferenzi li inti tixtieq
  •  l-esperjenza tiegħu, tagħmir u għajnuna disponibbli dakinhar fl-isptar.

Wara diskussjoni tal-vantaġġi u żvantaggi tal-metodi possibli, jiġi miftiehem metodu t’Anestesija għalik

Kull intervent tal-Mediċina jinkludi riskju. L-ebda mediċina ma hi mingħajr riskju. L-Ispeċjalisti tal-Anestesija huma ttrenjati biex ikunu lesti għal kull kumplikazzjoni li tista’ tinqala. Xogħolhom jixbaħ ħafna dak ta’ pilota t’ajruplan, bid-differenza li inti tkun l-uniku passiġġier fil-vjaġġ. Għalhekk ikun moħħu biss f’kull ċaqliqa fil-kundizzjoni tiegħek. Tkun passiġier VIP. Naturalment ir-riskju mill-Anestesija ivarja minn persuna għal oħra, skont il-kundizzjoni tas-saħħa u skont in-natura tal-intervent kirurġiku.

Il-Kunsens għall-Operazzjoni li inti tiġi mitlub tiffirma, barra l-ftehim fuq l-intervent kiruġiku, jinkludi wkoll il-qbil tiegħek mal-Anestesija. Għandek dritt għal aktar informazzjoni fuq kwalunkwe aspett tal-Anestesija jew saħħtek, qabel tħossok komdu li tiffirma.

Dik in-nhar tal-operazzjoni.                  

Tiekol u tixrob xejn għal tal-anqas 6 siegħat qabel l-operazzjoni

Dan l-iskomdu, hu fl-interess ta’ saħħtek. Importanti li l-istonku tiegħek ikun vojt biex tnaqqas ir-riskju li tirremetti waqt l-Anestesija. Jekk jiġri dan tista’ tixraq u l-ikel u l-aċtu tal-istonku jinżillek fil-pulmun b’konsegwenzi serji.

F’każ t’emerġenza li ma jistax jistenna u ma jkunx hemm ħin biex tiġi msajjem, hemm metodi kif tingħata l-Anestesija u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ dan il-periklu. Imma f’każ mhux urġenti dan ikun riskju żejjed. Inkunu qed nilagħbu bin-nar.

Il-mediċini tiegħek tas-soltu.

Dawn għandhom jittieħdu bħas-soltu bi ftit ilma. Hemm mnejn tiġi mitlub teħodhom xi ftit aktar kmieni.

Hemm xi eċċezzjonijiet u f’dak il-każ tingħata parir x’għandek tagħmel mill-Kirurgu jew l-Anestetist. Per eżempju jekk tieħu pilloli biex traqqaq id-demm (Warfarina) jew biex tevita trombożi (bħal Aspirina, Clopidrogel) kif ukoll pilloli u injeżżjonijiet għall-kontrol taz-zokkor .

Jekk tħossok ma tiflaħx.

Jekk fil-ġranet li għandek tiġi l-isptar ma tħossokx tiflaħ jew tinqalagħlek xi problema –importanti ħafna li ċċempel is-sala fejn kellek tidħol biex insiru nafu, kmieni kemm jista’ jkun.

Kif tlesti Ruħek għal Operazzjoni.

  • Tagħmel tajjeb li tieħu banju jew shower biex b’hekk tnaqqas ir-riskju t’infezzjoni fil-ferita. Importanti li ma tuża l-ebda dlik, terra jew make-up – speċjalment lipstik u maskara.
  • Jekk għandek xi titqib jew msielet f’widnejk jew f’imnieħrek, f’ilsienek jew postijiet oħra, qis li taqlagħhom. Jekk għandek xi diffikulta’, per ezempju xi ċrieket li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, staqsi l-Infermier tas-sala għall-għajnuna.
  • Tagħmel tajjeb jekk taħsel snienek ukoll. Jekk għandek id-dentaturi dawn normalment nitolbuk taqlagħhom qabel ma titlaq mis-sala. Jekk għal xi raġuni, int assolutament tiddejjaq mingħajrhom, ftiehem mal-Infermier tas-sala tiegħek biex isir arranġament speċjali.
  • Jekk għandek il-lentijiet ta’ kuntatt (contact lenses) tinsiex tneħħihom. In-nuċċali normalment ukoll tħallieh warajk fis-sala.
  • Jekk tilbes apparat tas-smiegħ (hearing aid) normalment nitolbuk li tneħħieh. Jekk tħossok mitluf mingħajru, tkellem mal-Infermier tas-sala biex isirlek arranġament speċjali.
  • Normalment ma jiġix aċċetat żebgħa fuq dwiefer jew dwiefer foloz (nail varnish / nail extensions). Dawn jistgħu jtellfu lill-Anestetist meta jeżamina ċ-ċirkulazzjoni tad-demm.
  • Tingħata libsa milbusa b’mod li tinqafel bil-qfieli fuq wara. Jekk ma jtellifx l-operazzjoni tista żżomm il-qalziet ta’taħt imma importanti li dan ikun magħmul mill-qoton (cotton) mhux tan-nylon jew materjal sintetiku ieħor.
  • Tista’ wkoll tiġi mlibbes kalzetti twal sa ġenbejk biex jilqgħulek kontra t-trombożi fil-vini.

Mediċini ta’qabel l-Anestesija

Qabel tinżel fil-sala tal-operazzjoni, hemm mnejn tingħata xi mediċini, skont il-bzonn, biex jippreparawk għal qabel l-Anestesija.

Dawn jistgħu jingħataw għal ħafna raġunijiet. Fost oħrajn:

  • biex titnaqqaslek il-biżgħa u l-ansjeta’,
  • biex tiġi kkontrollata xi kundizzjoni li qed taffetwalek saħħtek,
  • biex jeħfiflek xi uġiegħ li tkun qed issoffri minnu.
  • biex jilqagħlek kontra l-possibilita ta’ trombożi fil-vini.

Meta jasal il-waqt biex tinżel għall-Operazzjoni

inti tittieħed mill-kurituri u lifts, fuq is-sodda, mill-Infermier tas-sala tiegħek. Jekk tkun day case – jiġifieri tidħol u toħroġ mill-isptar dak in-nhar stess tal-operazzjoni – jista jagħti l-każ li timxi ftit sal-Kamra ta’ l-Operazzjoni. Għalhekk tajjeb li jkollok papoċċ ħafif.

Jekk tixtieq, jista’ jiġi miegħek xi ħadd minn tal-familja sal-bieb tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet.

Xi wieħed mill-ġenituri normalment jitħalla jidħol mat-tfal, fejn jibqgħu magħhom sakemm jorqdu. Jistgħu jieħdu xi ġugarell favorit tagħhom jew qlejba jekk iridu.

  • Id-Dipartiment tal-Operazzjonijiet ma tantx jilqa’ dak li jkun. Mhux post ta’ kwiet. L-istaff li jkunu lebsin uniformi ħadra qisha piġama. Jkunu biezla jħufu minn post għal ieħor. Is-sala tal-operazzjoni tkun mizmuma pjuttost kiesħa – għalhekk ikollok liżar u gverta – anke fis-sajf ! It-trolley li titpoġġa fuqu, jkun dejjaq u aktarx iebes. Ftit li xejn ikun hemm twieqi u d-dawl artifiċjali jkun qawwi u peress li tkun wiċċek il fuq jista jtik fastidju. Il-ħaddiema tas-swali tal-operazzjonijiet jagħmlu li jistgħu biex inti tħossok żgur u kalm u komdu.

Meta jniżżluk fid-Dipartiment tal-operazzjonijiet, hemm mnejn ikollok tistenna xi ftit f’dik li nsejħulha Holding Bay jew idaħħluk mal-ewwel fil-kamra biswit il-Kamra tal-operazzjoni, (Anaesthesia Room jew Induction Room.) skont iċ-ċirkustanzi.

Hemmhekk jilqgħak l-Anestetist jew Infermier tal-Anestesija. Jerġa’ jsir iċċekjar tal-aħħar tan-noti, riżultati tad-demm u x-rays u jaraw li kollox f’postu. Jerġgħu jiċċekjaw miegħek, x’jismek, x’operazzjoni ser tagħmel u fuq liema naħa. Proċedura fitta imma essentjali.

  • Jista’ jkun il-każ fejn l-Anestetist jinnota xi problema f’saħħtek u flimkien mal-kirurgu tiegħek jiġi deċiż li fl-interess tiegħek l-operazzjoni titħalla għal aktar tard jew ġurnata oħra sakemm il-problema tkun ikkontrollata.
  • Jista’ jkun il-każ ukoll li dakinhar ta’ l-operazzjoni tiegħek, tinqala’ xi emerġenza li tkun ta’ ħajja jew mewt, u tieħu priorita′ fuq tiegħek. Jekk din l-emerġenza tkun ser tieħu ħafna tul, l-operazzjoni tiegħek tista’ titħalla għal ġurnata oħra.
  • Jekk l-operazzjoni jew il-kundizzjoni tiegħek hi serja tant li jkun hemm bżonn tmur fil-Qasam tal-Kura Intensiva, u dakinhar, din is-sala tkun mimlija, tista tittieħed deċizjoni biex l-operazzjoni tiegħek issir ġurnata oħra. Din id-deċizjoni ssir wara li jitqiesu l-possibiltajiet kollha u ssir b’ħafna responsabilta.

Biex tinagħata l-Anestesija ġenerali, tkun trid issirlek tingiża biex titpoġġa labbra f’vina fil-wiċċ t’idek, jew driegħek speċjalment lejn minkbejk. Ma jdejk tiġi ssikata bħal faxxa tal-lasktu biex il-vini jaqbżu aktar l-barra. Wara t-tingiża, il-labbra tal-metal attwalment titneħħa u fil-vina jibqa’ biss pajp irqiq tal-plastik li tissejjah venflon. Tista’ tingħata ftit Anestesija lokali bl-iżgħar labbra possibbli, qabel titpoġġa l-labbra propja biex it-tinġiza tħossa wisq anqas. Lit-tfal spiss jitpoġġilhom ingwent anestetiku speċjali biex itaffilhom mit-tingiża. Il-venflon ikollha tapp ikkulurit minn fejn it-tabib jista’ jagħtik injezzjoni bla ma jerġa’ jtaqbek kull darba. Ħafna drabi il-labbra aktar tipprendiha milli attwalment tħossha.

Meta tkun lesta l-labbra, normalment tingħata injezzjoni biex tikkalmak. Din taħdem mal-ewwel.

Jekk inti titwerwer mil-labar – taħsibx li int waħdek – tiddejjaqx tgħid lill-Anestetist l-ewwel ċans li jkollok.

Mal-labbra, ħafna drabi, jitqabbad id-drip. Din tikkonsisti f’borża tal-plastik mimlija b’taħlita fisjoloġika t’ilma u melħ biex tpatti għan-nixfa li taqbdek għax tkun sajjem. Waqt u wara l-operazzjoni, il-ġisem wkoll jkompli jingħata d-drip sakemm inti tkun tista’ tixrob normali.

Mill-venflon, barra l-Anestesija, jkunu jistgħu jingħatawlek mediċini oħra li jkollok bżonn, (eż. antibijotiċi). Ċerti mediċini oħra, minħabba n-natura tagħhom, jkollhom jingħataw b’titqiba apparti, taħt il-ġilda jew ġo xi muskolu.

Mediċini oħra jistgħu jingħataw f’forma ta’ suppositorji (jiġifieri mill-warrani) – sakemm inti ma toġġezzjonax.

Ftit qabel ma torqod.

Wara li ssirlek il-labbra tad-drip, jitwaħħlu ma’ spallejk u sidrek tlieta jew aktar stikkers apposta (ECG electrodes) li wara jitqabbdu mal-monitor. Dan huwa apparat eletroniku importanti ħafna. Meta tkun imqabbad miegħu l-Anestetist ikollu ‘ritratt eletroniku’ kontinwu tal-istat ta’qalbek, pressjoni, nifs, ossiġnu, l-ammont t’ Anestesija li tkun qed tieħu, u aktar. Dan jagħmel ħoss irqiq ma’ kull taħbita ta’ qalbek. B’hekk l-Anestetist jiġi avżat mal-ewwel meta jkun jinqala’ xi għawġ, biex l-attenzjoni jew kura meħtieġa tingħata mal-ewwel.

Normalment wkoll tiġi nfaxxata ma’dirgħajk bħal komma jew faxxa speċjali li tintefaħ biex tiħodlok il-pressjoni kull ftit minuti. Din tħossha tagħfas fuq dirgħajk meta jkun imissha taħdem. Meta torqod din tibqa’ tiċċekjalek il-pressjoni, kull ftit minuti, biex it-tabib tal-Anestesija jkun jaf il-qagħda taċ-ċirkulazzjoni tiegħek.

Fuq wieħed mis-swaba titpoġġa bħal labbra tal-inxir jew klipp li l-ħin kollu tiċċekkja jekk għandekx livel tajjeb t’ossiġnu fid-demm. Dan jissejjaħ pulse oximeter. Iż-żebgħa tad-dwiefer u nail extensions, jistgħu ma jħallux dan l-apparat essenzjali milli jaħdem sew, speċjalment meta jkun skur jew metalliku. Tagħmel sew jekk tiġi l-isptar mingħajrhom.

Jekk torqod bl-injezzjoni, eżatt qabel ma torqod hemm mnejn tiftakar li tpoġġietlek maskra tal-ossiġenu fuq wiċċek. Wara jaqbdek sturdament ħelu u tintilef f’radda ta’ salib. Waqt l-injezzjoni tista’ tħoss xi ftit t’uġiegħ. Dan jista’ jkun normali, imma xorta għid lil-Anestetist.

Jekk torqod bil-maskra, tintalab tibqa’ kalm u tibda tieħu n-nifs fil-fond u mhux mgħaġġel. Il-gass anestetiku għandu ftit ta’ riħa, imma mhux qawwija tant li ma tissaportihiex. Wara li tkun rieqed titpoġġa l-labbra li kont qed tipprendi meta kont għadek f’sensik. Ma tistax tingħata anestesija b’mod salv mingħajr ma jkun hemm aċċess għal tal-anqas f’waħda mill-vini.

Wara li tintilef, jista’ jkun hemm bżonn, speċjalment f’operazzjonijiet fuq iż-żaqq, ta’ pajp li jitniżżel minn imnieħrek għal ġol-istonku. Dan jissejjah Nasgastric tube u jista’ jkun li jkollu jibqa’ hemm għal xi ġranet wara l-operazzjoni. Mhux komdu, imma jgħin biex l-istonku ma jintefaħx u ma toqgħodx tirremetti l-ħin kollu.

Ħafna drabi minħabba n-natura tal-operazzjoni tiegħek jew anke minħabba t-tip t’Anestesija li tingħatalhek ma tkunx tista’ tgħaddi l-awrina b’mod naturali bħas-soltu. Minħabba f’hekk, jista jkun hemm bżonn ta’ pajp ieħor li jgħaddi mill-parti tiegħek għal ġol-bużżieqa tal-awrina. Dan jissejjaħ catheter u jservi biex l-ammont ta’ l-awrina jkun imkejjel waqt u wara l-operazzjoni. Wara operazzjonijiet kbar dan il-pajp hu mezz aktar komdu kif tgħaddi l-awrina bla ma tqum u toqgħod u b’hekk tiffranka ħafna skomdu u uġiegħ. Ħafna nies isibuha diffiċli biex jgħaddu l-awrina waqt li jkunu mindudin fis-sodda. Għalhekk il-catheter huwa importanti.

Jistgħu jintużaw aktar metodi sofistikati ta’ monitoraġġ, skont il-kas, biex saħħtek tkun imħarsa u ndukrata tul l-operazzjoni kollha. Il-monitoraġġ jitkompla sakemm tistejqer biżżejjed li tkun terġa’ tista’ tieħu ħsieb tiegħek innifsek.

Waqt l-operazzjoni l-Anestetist ikompli jtik ossiġnu, gass anestetiku, injezzjonijiet kontra l-uġiegħ, injezzjonijiet oħra biex il-muskoli tiegħek jintelqu, antibijotiċi, u mediċini oħra li jkun jinqala’ l-bżonn tagħhom skont il-każ. L-Anestetist jagħti ħafna attenzzjoni biex inti tibqa’ tieħu n-nifs sew tul l-operazzjoni. Waqt li tkun rieqed ħafna drabi jitpoġġew tubi speċjali biex jiżguraw li il-passaġġ tan-nifs ikun dejjem miftuħ. Dan jitneħħa hekk kif inti tistenbaħ u ħafna drabi ma tifakar xejn. Wara l-operazzjoni tista’ tħoss l-effett tiegħu għax tħoss griżmejk xotti jew xi ftit misluħa. Dan huwa ftit jew wisq normali wara operazzjoni.

Wara l-operazzjoni, tistenbaħ u tiġi f’tiegħek fir-Recovery Room. Hawnhekk ikun hemm infermiera apposta li jkomplu jindukrawk sakemm tkun f’siktek biżżejjed li titla’ fis-sala. Tingħata l-ossiġnu minn maskra trasparenti tal-plastik. Titgħatta bi gvieret u saqqu ħafif (qisu lajlo) li minnu tgħaddi arja sħuna biex tisħon u tħossok aktar komdu, għax waqt l-operazzjoni titlef ħafna sħana. Jekk jaqbdek dardir tista’ tingħata mediċina li sserħek. Titpoġġa fuq is-sodda tiegħek u meta tkun komdu u f’sensik terġa titieħed lura lejn is-sala.

Tkun imqabbad mal-monitor li jkejjillek il-pressjoni u juri l-ECG. L-Anestetist jerġa’ jiċċekja li inti qed tieħu nifs sew, mintix muġugħ, għandek il-pressjoni tajba u l-polz kajman. Il-Kirurgu wkoll jiċċekja li l-ferita xotta mid-demm u li kollox f’postu.

Meta titla’ fis-sala, l-infermiera jkomplu jindukrawk u jtuk pariri skont il-bżonn. Jekk l-uġiegħ jerġa’ jibda jdejqek tgħidilhom u jaraw x’għandek miktub tieħu għal kontrih. Tista’ tingħata injezzjonijiet, suppositorji jew pillolli għal l-uġiegħ skont il-każ u skont jekk tistax tixrob jew le. Wara operazzjonijiet kbar hemm ċans kbir li jew ikollok epidural jew magna oħra li tissejjah PCA (patient controlled analgesia) li permezz tagħha inti tkun tista tagħti lilek innifsek dożi żgħar ta’ mediċina li jneħħulhek l-uġiegħ. Dan tkun tista’ tagħmlu billi tagħfas qisu buzzer kull meta ma tkunx tista’ tissaporti l-uġiegħ.

Hu normali li tħossok xi ftit jew wisq għajjien wara operazzjoni. Dan minħabba ħafna raġunijiet. Tkun ilek ma torqod u tiekol sew, tkun xi ftit jew wisq inkwetat, l-effett tal-operazzjoni innifisha li l-ġisem ikun irid jirkupra minna, l-effett ta’ xi fjammazzjoni jew infezzjoni, l-effett ta’ xi telf ta’ demm, l-effet tal-mediċini u njezzjoniet għal uġiegħ. Għalhekk tapprezza li it-telqa li ħafna drabi taqbdek wara operazzjoni mhux biss minħabba l-Anestesija.

Transfużjoni tad-Demm.

F’kwalunkwe operazzjoni – kif jgħid il-Malti – kull fejn taqta’ joħroġ id-demm. Sakemm l-ammont li jintilef ma jkunx wisq, l-Anestetist ipatti għalieh billi jagħtik aktar likwidu mid-drip.

Jekk titlef aktar demm milli ġismek jiflaħ għalieh, jirriżultalek anemija. Din tfisser li d-demm tiegħek ikun fjakk miċ-ċelluli ħomor li jwasslu l-ossiġenu lill-bqija tal-ġisem. F’dan il-każ l-Anestetist jikkunsidra jekk hemmx il-bżonn li tingħata d-demm. Jekk għal xi raġuni, għandek xi mistoqsijiet jew oġġezzjoni għal dan, kellem lill-Anestetist jew il-Kirurgu.

Id-demm li tingħata jkun magħżul skond it-tip tad-demm tiegħek, permezz ta’ test tad-demm li jsirlek qabel l-operazzjoni. Dan id-demm jkun offrut b’mod voluntarju minn persuni b’sens ta’ dover ċiviku. Dan id-demm jiġi ittestjat bir-reqqa għal mard li jittieħed u merfugħ fil-Bank tad-Demm. Qabel ma jingħatlek jerġa’ jiġi ċċekjat li assolutament jaqbel miegħek f’kull dettall.

F’ċerti operazzjonijiet hemm apparat (cell saver) fejn ħafna mid-demm li inti tkun qed titlef jiġi salvat, msaffi u jerġa’ jingħatalek waqt l-operazzjoni jew ftit wara.

Jista’ wkoll ikun il-każ fejn inti tagħti d-demm xi jiem qabel l-operazzjoni u dan jiġi merfugħ għal waqt l-operazzjoni.(autologous transfusion)

Effetti sekondarji u kumplikazzjonijiet tal-Anestesija.

Effetti komuni imma mhux serji tal-Anestesija li jista’ jkollok huma:

1) Tqalligħ u Remettar.

2) Griżmejk juġgħuk.

3) Tertir bil-bard.

4) Tara mċajpar jew sfukat.

5) Uġigħ ta’ ras.

6) Ħakk.

7) Uġigħ f’muskoli madwar ġismek .

8) Tbenġil u nefħa fejn għandek jew kellek id-dripp.

9) Tiċpis ta’ demm mal-bżieq, slieħ fil-ħanek, ċaqliq tas-snien

10) Sturdament u għejja

Kumplikazzjonijiet aktar serji imma anqas komuni jistgħu ikunu:

8 b) Uġigħ fejn għandek jew kellek id-dripp

9 b) Ksur jew qlugħ ta’ snien.

10b) Tibda tinfixel, titħawwad jew tinsa x’għamilt.

11) Infezzjoni f’sidrek.

12) Jikluk jew jaħarquk għajnejk

13) Tħoss xi partijiet minn dirgħajk jew saqajk mtarrxin jew bla saħħa.

14) Diffikulta′ fin-nifs.

Kumplikazzjonijiet serji imma rari:

15) Tiftakar xi waqtiet tal-operazzjoni.

6b) Allerġija qawwija.

16) Kumplikazzjonijiet minħabba kundizzjoni medika li kienu jeżistu minn qabel.

17) Mewt.

1) Tqalligħ u Remettar.

Kulħadd differenti. Hemm min jitqalleb meta jirkeb fuq vapur u hemm oħrajn li l-baħar ma jagħmillhom xejn. L-istess jiġri wara operazzjoni, hemm min għandu riskju akbar li jiddardar. Nafu li nisa u tfal għandhom aktar ċans mill-irġiel li jirremettu wara operazzjoni.

Tibżax, jekk inti fil-passat kellek taqlib kbir wara operazzjoni, mhux bilfors jiġrilek l-istess, kull darba.

Ċerti kundizzjonijiet li tkun qed isoffri minnhom, bħal ngħidu aħna, problemi fl-istonku u l-imsaren, jikkaġunaw dardir, tqalligħ u remettar. L-inkwiet u l-ansjeta′ wkoll jżidu iċ-cans ta’ taqlib tal-istonku.

Waqt operazzjonijiet fuq l-ġewwieni taż-żaqq, l-imsaren jiġu ftit jew wisq immaltrattati. Dan jikkaġuna tqalliegħ u remettar għax l-imsaren idumu ma jibdew jaħdmu bħas-soltu. Biex jittaffa dan l-inkovenjent ħafna drabi jitħalla pajp irqiq mill-imnieħer għall-istonku (nasgastric tube) biex jiżvojta waħdu bla’ sforz ta’ xejn. Operazzjonijiet oħra li għandhom aktar riskju ta’ dardir u remettar huma operazzjonijiet fuq il-widna, l-għajn, l-organi genitali u operazzjonijiet twal ħafna. Jekk waqt l-operazzjoni jinżillek xi demm fl-istonku (bħal ngħidu aħna waqt operazzjoni fuq it-tunsilli) tista’ tibqa mdardar sa ma tirremetti dan id-demm.

Kemm waqt l-Anestesija u wara, jkun hemm bżonn injezzjonijiet biex ineħħu l-uġiħ (bħal Petidina u l-Morfina) li għandhom effett sekondarju (side-effect) ta’ dardir. Aktar ma l-uġigħ ikun qawwi u d-doża ta’ dawn il-painkillers tikber, aktar jiżdiedu l-effetti sekondarji.

Hemm injezzjonijiet li jtaffu -uġigħ ta’ natura differenti li ma jikkaġunawx dardir, imma mhux daqstant effettivi fuq uġigħ tal-intern.

Skont l-operazzjoni li jkollok, hemm ċans ta’ 1 fi 3 li jaqbdek mewġ ta’ dardir. Dan jista’ jkun tant qawwi li tirremeti. Dan it-taqlib jagħmlek miżerabbli għall-aħħar. Seraħħ rasek li din il-kundizzjoni normalment ma ddumx ħafna u jeżistu diversi tipi t’injezzjonijiet ta’ kontra d-dardir biex jgħinuk. Id-dripp ma jħallikx li tixxxotta u jnaqqasslek id-dardir.

Tista’ tgħin ruħek billi ma titqallibx fis-sodda, u ma tqumx bilqegħda jew barra mis-sodda kmieni jew f’daqqa iż-żejjed. L-inkwiet ma jgħinx, ipprova intelaq billi tieħu n-nifs bil-mod u fil-fond. Jekk għadek imdardar tipprovax tixrob għax jiġik agħar. Jekk tmur id-dar kmieni wisq, l-ivvjaġġar bil-karozza mhux ser tieħu gost bih.

F’operazzjonijiet fuq iż-żaqq, ir-remettar jżidlek l-uġigħ għax l-isforz iżid il-ġbid fuq il-punti.

Meta inti tkun qed tiġi operat fuq sistema day-case – jekk ma tibdiex tixrob u tiekol f’ħin tajjeb minħabba d-dardir, iddum aktar, qabel ma tkun tista’ tmur id-dar.

2) Griżmejk juġgħuk

Waqt l-Anestesija, komuni ħafna li jitpoġġilek tubu (endotracheal tube) fi griżmejk biex jassigura li inti tieħu n-nifs sew. Dan jista’ jisloħlok griżmejk huwa u dieħel jew għax ikun dam fi griżmejk fit-tul. Minħabba f’hekk tista’ tqum bi griżmejk juġgħuk. Dan normalment idum minn ftit siegħat sa xi jumejn. Jista’ jkun sempliċi skomdu jew uġigħ tassew, speċjalment meta titkellem jew tibla.

Jekk ikollok tubu minn imnieħrek għall-istonku (nasogastric tube) dan jista’ jkompli jisloħlok griżmejk sakemm jibqa’ hemm.

L-istess pinnolli jew injezzjonijiet li jtaffu -uġigħ li jkollok bżonn għal wara l-operazzjoni jserħulek griżmejk minn dan-l-iskomdu.

3) Tertir bil-Bard

Meta tiġi f’tiegħek, l-ewwel ma tħoss jista’ jkun bard kbir li jġegħlek itterter. Dan minħabba li t-tejatru tal-operazzjonijiet ikun miżmum pjuttost kiesaħ (18-19C) u inti jkollok xi partijiet minn ġismek mikxufin il-ħin kollu waqt l-operazzjoni. L-Anestesija nnifisha wkoll tista’ żżid dan l-effett mhux mixtieq. L-Anestetist jieħu ħsieb billi jpoġġi apparat li jgħattik u li jsaħħnek kemm jista’ jkun. Dan jikkonsisti f’magna li tarmi arja sħuna minn ġo gverta apposta li tintefah qisa lajlow. Din tista’ tkompli tintuża fir-recovery room biex dan il-bard jgħaddilek malajr kemm jista’ jkun. Hemm ukoll injezzjonijiet li jgħinu biex dan l-iskomdu jgħaddi aktar malajr.

4) Tara mċajpar jew sfukat.

Dan jista’ jkun sempliċement għax ma tkunx liebes in-nuċċali! Ċerti mediċini wkoll jista’ jkollhom dan l-effett. Dan l-iskomdu ma jdumx ma jmur.

5) Uġigħ ta’ ras.

Hemm diversi kaġuni tal-uġigħ ta’ ras wara operazzjoni bħall-ħsieb, l-inkwiet, l-istennija, in-nuqqas ta’ ikel u xorb. Nies li mdorrijin jixorbu kafe′ jew te′ mhux ħażin, gisimhom jħoss in-nuqqas tagħhom. Paracetamol normalment biżżejjed biex itaffi dan l-iskomdu.

Wara Anestesija spinali tista’ tbati minn uġigħ ta’ ras. Normalment jekk timtedd, tixrob biżżejjed ilmijiet u tieħu xi Paracetamol, jkun biżżejjed biex dan l-effett imur. Meta dan itul aktar minn ġurnata, ta’ min jinforma l-Anestetist biex jara x’jista’ jsir.

6) Ħakk u raxx.

Meta jkollok operazzjoni tingħata diversi mediċini bħal antibijotiċi, Anestesija u injezzjonijiet li jtaffu l-uġigħ. Tista’ tkun allerġiku għal kwalunkwe wieħed minnhom. Hemm nies li huma allerġiċi għal odju (iodine) jew antisettiku ieħor, stikk komuni u anke għal gomma li tintuża biex isiru l-ingwanti li jintużaw mit-tobba u n-nurses waqt operazzjoni (latex).

Meta jaqbdek il-ħakk, jista’ jkun effett t’allerġija pjuttost ħafifa għal xi waħda minn dawn il-ħafna mediċini. Jista’ wkoll jitlagħlek id-deni, tibda tagħtas u trabbi flissjoni, tieklok għajnejk u joħroġlok raxx fil-ġilda. Hemm injeżżjonijiet jew pilloli għal kontra dan l-effett mhux mixtieq. Mhux dejjem insiru nafu eżatt liema mediċina kella dan l-effett fuqek, imma jekk nsiru nafu, din għandek tevitaha għal dejjem.

6b) Allerġija qawwija.

Allerġija tista’ tqajjem reazzjoni immedjata u aktar qawwija fill-ġisem. Meta din tiġri ħabta u sabta tissejjaħ ‘anaphylaxis’. Fost oħrajn titbaxxilek il-pressjoni, sidrek jista’ jibda jsaffar u taqta’ nifsek. Jistgħu jintefħulek griżmejk u n-nifs iżommlok fi griżmejk. Mingħajr kura inti tista’ tmut!

Din hi emerġenza li tista’ tinqala 1 f’ 13,000 operazzjoni. Għalkemm gravi ħafna, it-tobba kollha, speċjalment l-Anestetisti huma ttrenjati biex jagħrfu u jittrattaw din il-kumplikazzjoni serja minnufih.

Jekk taf li inti allerġiku għal xi mediċini – importanti li tgħarraf lil-Anestetist tiegħek.

Hemm tipi ta’ reazzjonijiet oħra għal mediċini. Per ezempju ċerti antibijotiċi jiftħuk u jqabbduk l-imsaren (diarrhoea). Dan l-iskomdu antipatku pero mhuwiex allerġija.

Hemm kundizzjoni oħra fejn l-anestetiku innifsu jqabbdek deni qawwi u l-muskoli tiegħek jinġibdu b’modd eċċessiv. Din hija kundizzjoni rari immens imsejħa Malignant Hyperthermia , gravi tant li tista’ toqtlok.

7) Uġigħ f’muskoli madwar ġismek – bħal dahrek, għonqok u dirgħajk.

Waqt l-operazzjoni int tkun mistrieħ fl-istess pożizzjoni, fuq mejda pjuttost iebsa, għal ħin li jista’ jkun twil mhux ħażin. Minħabba f’hekk, l-għada tħoss ġismek imfarrak.

Xi drabi, fl-Anestesija, jkun hemm il-bżonn t’injezzjoni partikulari (Scoline) li għanda s-side effect li tħoss qtugħ ta’ laħam speċjalment fl-għonq u fil-ġenbejn. Din l-injezzjoni mhux dejjem tkun tista’ tiġi evitata. Dan l-iskomdu jittafa f’anqas minn jumejn u Paracetamol biżżejjed biex jserħħek.

8) Tbenġil u nefħa fejn għandek jew kellek id-dripp.

Il-labbra li titpoġġielek f’ jdejk biex minnha tieħu l-Anestesija u d-dripp, għalkemm inwaħħluha sew kemm nistgħu, tista’ tiċċaqlaq u toħrog mill-vina. Meta jiġri dan, joħrog xi ammont żgħir ta’demm, li flok joħroġ barra, jibqa miġmugħ taħt il-ġilda. Xi ftit mill-ilma tad-dripp jista’ jibqa għaddej għal xi żmien li ukoll jinġema’ taħt il-ġilda. B’hekk fejn kien hemm il-labbra jintefaħ u jitbenġel u tuġgħak meta tolqotha. Jekk tinfaxxha kapaċi tuġgħak iżjed. Tista’ tnaqqas l-uġigħ u tgħin biex tniżżel in-nefħa billi ma żżomx l-id il-minfuħa mdendla l-isfel, imma iserraħha ‘l-fuq.

8b) Jista’ jiġri wkoll, li minħabba xi injezzjonijiet li jkunu qed isirulek minn ġol-labbra tad-dripp, il-vina tiffjamma u jkollok nefħa, sħana, uġigħ u ħmura madwara. Din kundizzjoni aktar serja. Iġbed l-attenzzjoni tan-nurse tas-sala meta jiġri hekk. Jekk id-dripp jitħalla f’post iffjammat, tista’ ġġarrab infezzjoni serja.

9) Tiċpis ta’ demm mal-bżieq, slieħ fil-ħanek, ċaqliq tas-snien.

Meta, waqt li tkun taħt l-effett tal-Anestesija, jitpoġġilek it-tubu (endotracheal tube) biex in-nifs tiegħek ikun żgurat, tista’ tinstab xi diffikulta. Dan jiġri meta l-anatomija tal-ħalq, snien, għonq u l-gerżuma jkunu tali li l-Anestetist isib diffikulta biex iddaħħal dan it-tubu li jista’ jkun essenzjali għalik waqt l-operazzjoni. Minħabba f’hekk xuftejk, ilsienek, u l-ħniek jinstelħu jew jintefħu. Jekk ikollok xi snien mhux sodi dawn ukoll jistgħu jiġu imċaqalqin xi ftit. Dan kollu jwassal biex wara l-operazzjoni issib il-bżieq tiegħek mċappas bid-demm. Dan normalment ma jdumx ma jgħaddi.

9b) Xi drabi minħabba l-istess raġunijiet li semmejna, issir xi ħsara fis-snien. Din kumplikazzjoni aktar serja. Ħafna drabi, dan jiġri meta ‘s-snien ma jkunux f’kundizzjoni tajba minn qabel l-operazzjoni. Importanti li l-Anestetist ikun jaf jekk inti għamiltx xi trattament speċjali fi snienek bħal root treatment, implants, bridges, crowns, veneers u oħrajn speċjalment fis-snien ta’ quddiem.

10) Sturdament u għajja

Wara l-Anestesija tista’ tħossok stordut, għajjien u ma tiflaħx tqum. Dan jista’ jkun minħabba diversi raġunijiet. L-effetti tal-Anestesija hemm mnejn għadu ma majnax għal kollox. Jekk ikollok bżonn injezzjonijiet li jtaffu l-uġigħ mhux ħażin, dawn ukoll jistorduk. Jekk tkun għadek xott mill-ilmijiet il-pressjoni tkun pjuttost baxxa u tħossok mħeddel.

10b) Tibda tinfixel, titħawwad jew tinsa x’għamilt.

Issib xi nies li jitħawdu eżatt wara operazzjoni. Oħrajn jitħawdu fil-ġranet ta’ wara l-operazzjoni speċjalment matul il-lejl.

Dak li jkun, jinsa li jkun għamel operazzjoni. Jinsa min hu u fejn hu. Jorqod matul il-jum u jqum matul il-lejl. Ma jirraġunax, jgħajjat, jitkellem bla sens jew anke ħażin. Jipprova jqum mis-soda, jaqla’ d-dripp jew il-pajp tal-awrina u jkollu bżonn nurses biex ma jiħalliex iweġġa’ lilu nnifsu.

Dawn is-sintomi jistgħu jkunu kaġunati minn diversi kawżi. L-aktar komuni huma l-għejja, in-nuqqas ta’ rqad u mistrieħ, it-tibdil tal-ambjent, il-firda mill-familja, l-uġigħ, painkillers, irritazzjoni mill-pajp tal-awrina, nuqqas ta’ ilmijiet, livell baxx taz-zokkor fid-demm, nuqqas ta’ ossiġenu u infezzjoni. Dawn u fatturi oħra waħedhom jew flimkien jagħtu dan l-effett. Ħafna drabi, l-aqwa duwa hi lejl ta’ mistrieħ tajjeb. Jiswa mitqlu deheb biex dak li jkun jiġi f’tiegħu..

Jekk inti, minħabba l-operazzjoni, ma tkunx tista’ tieħu xi kalmanti li s-soltu mdorri tieħu, tista’ titħawwad. Jekk mdorri tixrob ħafna alkoħol, moħħok iħoss in-nuqqas tiegħu u titħawwad sew.

It-tipjip jnaqqas il-qawwa tad-demm milli jġorr l-ossiġnu u ma jgħin xejn biex inti tirkupra tajjeb u malajr minn-operazzjoni

Wara ġimgħa mill-operazzjoni, hemm riskju sa wieħed f’ħamsa (1 f’5), li tbati minn tnaqqis mill-kapaċita′ mentali. Dan jiġri ta’ spiss fl-anżjani, imma jista’ jiġri lil kulħadd. Suxxettibli l-aktar huma dawk li diġa′ kellhom bidu ta’ demenzja, ibatu mill-marda Parkinson’s, kellhom puplesija jew li jkollhom bżonn ħafna għajnuna biex jinżlu mis-sodda.

Jiġri, li xi wħud (1 f’20) jkunu għadhom ibatu b’waqtiet ta’ nuqqas ta’ konċentrazzjoni, telqa, apatija u nuqqas ta’ memorja anke sa tliet xhur jew aktar wara l-operazzjoni. Aktar ma tkun anzjan, ir-riskju li jiġrilek hekk, ikun sfortunatament akbar. Ċerti operazzjonijiet huma magħrufin li għandħom riskju akbar (bħal operazzjonijiet tal-qalb).

Jekk tagħżel li jkollok Anestesija lokali jew reġjonali flok generali, tnaqqas iċ-ċans ta’ taħwid mentali fl-ewwel ġimgħa. Minn studji instab, li it-tip t’Anestesija li tintuża, ma jaffetwax wisq ir-riskju tal-iżvilupp ta’ dawn is-sintomi aktar tard fil-konvalexxenza.

11) Infezzjoni f’sidrek.

Waqt operazzjoni tkun mimdud għal ħin twil, b’pajp fil-gerżuma u mqabbad ma’ ventilatur eletroniku biex jingħatalhek n-nifs, ossiġnu u Anestesija. Dawn kolla għandhom ir-riskju li jimmaltrattaw il-pulmun.

Wara l-operazzjoni, bla ma trid, tibża’ tiċċaqlaq u tieħu n-nifs fil-fond, u taħsibha darbtejn biex tinżel mis-sodda. Jekk tkun qed tieħu l-Morfina jew Petidina, dawn għandhom l-effett sekondarju li jtelquk, jneħħulek l-aptit li tqum mis-sodda, jbattulek n-nifs, u jraqqdulek is-sola. .

Dawn kollha jnaqqsulek il-kapaċita′ li żżom il-pulmun nadif mil-bili. B’hekk dawn jitrabbew u jistaġnaw u jsoddu l-bronki u f’kemm ili ngħidlek, trabbi infezzjoni fil-pulmun. Din tissejjaħ pnewmonja.

Ir-riskju li tiddobba pnewmonja jikber:

Jekk l-operazzjoni tkun fuq il-qafas ta’sidrek jew żaqqek .

Jekk sidrek ikun diġa′ marid minħabba it-tipjip jew xi kundizzjoni oħra li taffetwa n-nifs – bħal ażżma.

Jekk tkun anzjan jew għadek tarbija jew żgħir ħafna fl-eta′.

Iċ-ċans li jkollok din il-kumplikazzjoni serja jitnaqqsu:

Qabel l-operazzjoni:

Billi taqta t-tipjip – tal-anqas sitt ġimgħat qabel l-operazzjoni! Ikun tajjeb jekk tieħu dan iċ-ċans biex tieqaf għal kollox !

Bill tagħmel żgur li xi kundizzjonijiet li jaffetwaw il-pulmun – bħal ażżma – jkunu qegħdin indokrati sew.

Billi tieħu ħsieb snienek li ma jkollokx snien imħassra jew ħniek minfuħa.

Wara l-operazzjoni:

Billi ma tintelaqx, u toħroġ mis-sodda u tibda tiċċaqlaq meta n-nurses u l-fisjoterapisti jinkorraġuk biex tagħmel hekk.

Il-fisjoterapisti juruwk u jgħinuk kif tiġġieled kontra l-biża’ mill-uġigħ u tieħu n-nifs fil-fond biex tiftaħ il-pulmun.

Billi tisgħol ta’ spiss u b’hekk iċċaqlaq il-bili milli jakkumulaw fil-qigħan tal-pulmun.

Huwa d-dover tal-Anestetist li jeħodlok ħsieb li inti jkollok uġigħ mill-anqas wara l-operazzjoni.

Mhux kull sogħla jew deni wara operazzjoni hi infezzjoni. Mhux kull infezzjoni fil-pulmun hija serja. Meta l-kundizzjoni tkun serja jkollok bzonn, antibijotiċi, ossiġnu u aktar fisjoterapija. Jekk il-kundizzjoni tiegħek tmur għal-agħar jingħatalek ossiġnu minn maskri li jgħinuk tieħu n-nifs bil-pressa. Fil-kazi estremi jkun hemm bżonn li tittieħed fis-Sala tal-Kura Intensiva biex in-nifs tiegħek jiġi mgħejjun b’ ventilatur eletroniku.

12) Jikluk jew jaħarquk għajnejk.

Waqt li tkun rieqed l-Anestetist jieħu ħsieb jagħlaqlek għajnejk bi stikk biex ma jinfetħux u jixxottaw. Importanti tevita li tuża contact lenses, eye-lashes foloz, mascara jew make-up ieħor qabel l-operazzjoni.

Jekk tbati b’xi kundizzjoni f’għajnejk (bħal glaucoma) importanti ħafna li tgħid l-Anestetist.

13) Tħoss xi partijiet minn dirgħajk jew saqajk juġgħuk, mtarrxin jew bla saħħa

In-nervituri tal-ġisem li jwasslu messaġġi minn diversi partijiet tal-ġisem lil u mill-moħħ, jistgħu jiġu affetwati ħażin waqt operazzjoni. Nervituri jistgħu jkunu ta’ żewġ tipi: Hemm dawk li jwasslu messaġi ta’ sensazzjoni (mess, tgħafis, sħana jew uġigħ) lejn il-moħħ (sensory nerves). L-oħrajn iwasslu l-kmand mill-moħħ lejn il-muskoli biex dawn jobdu u jinġibdu (motor nerves). Hemm nervituri li għandhom funzjoni mħallta (mixed nerves).

Skont it-tip ta’ nervitura li ġġarrab ħsara, il-pażjent jista’ jsoffri minn sintomi differenti. Jekk iħoss partijiet minn ġismek imtarrxin (bla’ sensazzjoni) bħal meta torqodlok idejk jew uġigħ ikun hemm ħsara f’sensory nerve. Jekk il-pażjent jilmenta min nuqqas ta’ saħħa f’xi muskoli, il-ħsara tkun f’xi motor nerve.

Jekk il-ħsara tkun żgħira is-sintomi jmorru waħedhom fi ftit jiem. Jekk il-ħsara tkun gravi, is-sintomi kapaċi jdumu minn 3 sa 6 xhur biex jgħaddu, għax in-nervituri jkun jridu jerġgħu jikbru mill-ġdid (riskju ta’1 f’2,000). F’kazi rari, il-ħsara iddum aktar minn sena, ma terġax lura għal kollox jew tibqa għal dejjem (riskju ta’1 f’5,000).

Normalment, matul il-jum u l-lejl, inti tiċċaqlaq il-ħin kollu, bla ma tkun taf. Imma waqt operazzjoni, inti tkun mitluf u tibqa fl-istess pożizzjoni għal ħin twil. Minħabba f’hekk jekk xi nervitura tiġi magħfusa jew maqrusa din tiġrilha il-ħsara. L-Anestetisti u n-nurses jieħdu ħsieb li l-partijiet tal-ġisem ikunu protetti minn dawn il-problemi permezz ta’ kuttunar apposta.

Hemm modi oħrajn kif in-nervituri jista’ jiġrilhom il-ħsara. Jistgħu jinqatgħu jew jiġġebdu waqt l-operazzjoni innifisha. Jistgħu jintlaqtu waqt Anestesija reġjonali jew waqt li jsir id-dripp. Kultant ikun hemm nuqqas ta’ ċirkulazzjoni lejn xi nervituri li jagħmilha aktar faċli li ssirilhom il-ħsara (bħal per eżempju f’min ibati biz-zokkor, artrite jew ipejjep ħafna). Kultant ma nkunux nafu eżatt xi jkun ġara.

L-aktar nervituri li jiġu affetwati huma

(1) l-ulnar nerve, nervitura fid-driegħ li tgħaddi tħaxken fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ġog tal-minkeb. Dan jista’ jingħafas bil-piż tad-driegħ stess. Dak li jkun iħoss tirżih u tnemmil fl-aħħar żewġ swaba u nuqqqas ta’ saħħa fl-id.

(2) il-peroneal nerve, nervitura fis-sieq, li ddur fuq in-naħa ta’ barra, m’għonq għadma ftit l-isfel mill-irkoppa. Dak li jkun iħoss nuqqas ta’ saħħa meta jiġi biex jgħolli l-pala tas-sieq mill-art.

Riskju ħafna aktar rari (anqas minn 1 f’ 50,000), imma ħafna aktar inkapaċitanti huwa jekk għal xi raġuni tiġri xi ħsara fl-iSpinal cord. Din hija il-ħabel ta’ nervituri li tinsab magħluqa fix-xewka tad-dahar. Il-ħsara tinqala meta iċ-ċirkulazzjoni f’waħda mill-arterji ta’din in-nervitura ċentrali tinstadd minħabba nuqqas ta’ pressjoni, żvinar jew raġuni oħra marbuta mal-operazzjoni innifisha.

Hemm ukoll ċans ta’ ħsara minn titqib fix-xewka tad-dahar minn Anestesija spinali jew epidurali: Ħsara f’xi fergħa tal-iSpinal cord li ddum anqas min sena (1 in 6,700). . li ddum aktar min sena (1 f’ 250,000) Infezzjoni madwar l-iSpinal cord (1 in 145,000). Għoqda tad-demm li jagħfas fuq l-iSpinal cord (1 f’168,000). Paraliżi fiż-żewġ saqajn (1 in 250,000).

14) Diffikulta′ fin-nifs

Muscle relaxants, huma mediċini, li jintużaw sikwit waqt l-operazzjonijiet. Jekk l-operazzjoni tkun spiċċat, u inti titħalla tqum, imma l-effett tal-muscle relaxants ikun għadu ma majniex għal kollox, inti tista’ tħossok bla saħħa u issib diffikulta biex tieħu n-nifs. L-Anestetist, kif jagħraf dan, jagħtik mediċina li taħdem bil-kontra u saħħtek tiġi għan-normal f’kemm ili ngħidlek.

Hemm muscle relaxant partikolari li jintuża biex jirrelassa l-muskoli (magħruf b’l-isem Scoline) li ċerti nies ġisimhom idum ħafna jaħdmu u jeħles minnu. Minħabba f’hekk l-effett tiegħu, li normalment huwa ta’ ftit minuti, jista’ jtawwal għal xi sigħat. Il-pazjent jitpoġġa fuq ventilatur eletroniku, sakemm il-muskoli jerġgħu jieħdu saħħithom u jkun jista’ jieħu n-nifs bla għajnuna. Din il-kundizzjoni tissejjaħ Scoline Apnoea, u tintired fil-familja. Jekk taf b’xi ħadd jiġi minnek, li taħseb ġralu hekk, tista’ tgħid l-Anestetist u dan jista’ jagħmillek test tad-demm biex naraw jekk tbatix minn din il-kundizzjoni.

Hemm kawżi oħrajn ta’ qtugħ ta nifs. Dawn ħafna drabi jkunu relatati ma xi kundizzjoni tal-qalb jew pulmun li tkun tbati biha minn qabel.

15) Tiftakar xi waqtiet tal-operazzjoni.

Il-biċċa l-kbira tan-nies jibqgħu skantati kif ma jiftakru xejn mill-operazzjoni. Jaslu biex jiddubitaw li l-operazzjoni tkun tassew saret. Issib ukoll nies li joħolmu b’affarijiet m’għandomx x’jaqsmu, waqt l-Anestesija. Oħrajn jiftakru biss idea vaga tal-kamra tal-operazzjoni ftit qabel ma jkunu raqdu jew ftit wara li jkunu bdew jistejqru.

Sfortunatament iżda, jinzertaw każi, fejn, waqt l-operazzjoni innifisha, minkejja l-attenzjoni kontinwa tal-Anestetist, l-Anestesija għal xi waqtiet teħfief tant li l-pazjent jittanta jitħarrek. L-Anestetist, li jkun hemm il-ħin kollu b’seba’ għajnejn fuqek, jinduna mal-ewwel u jżid l-Anestesija. Normalment meta jiġri hekk ma tiftakar xejn.

F’ħafna operazzjonijiet, pero′, ikun hemm bżonn jintużaw ċerti mediċini qawwija msejħin muscle relaxants, li jtellqu l-muskoli tal-pazjent biex il-kirurgu jkun jista’ jaħdem sew. Il-problema għalhekk tinħoloq meta il-parti tal-Anestesija li żżomm il-pazjent mitluf, teħfief, imma l-effett tal-muscle relaxants ikun għadu fl-aqwa tiegħu. Meta jiġri hekk, il-pazjent, ma jkunx jista’ jiċċaqlaq u lanqas jiftaħ għajnejh u jidher qisu rieqed. Imma jista’ jistejqer biżżejjed biex jiftakar xi ħsejjes jew xi kliem li jkun ingħad waqt l-operazzjoni. Minkejja l-fatt li 1 fi 3 biss, iħoss xi uġigħ meta jiġri hekk, inti tista’ trabbi tensjoni kbira. Dan l-istress jista’ jdum anke wara l-operazzjoni, speċjalment jekk ma tiftaħ qalbek ma’ ħadd, għax taħseb li ħadd ma jemmnek

M’hemmx regoli eżatti ta’ kemm Anestesija għandu bżonn kull individwu. L-Anestetist ifassal id-dożi għall-pazjent minn mument għal ieħor skont l-eta, il-piż, is-saħħa tal-pażjent u x’ikun qed isir fl-operazzjoni minn sekonda għal-oħra. Il-training u l-esperjenza, jgħinu l-Anestetist jiżen dawn kolla waqt li jifli u jqis il-ħafna numri u sinjali li kontinwament juruh il-monitors. Sfortunatament għad ma jeżistux monitors tal-funżjoni tal-moħħ, li wieħed jista’ joqgħod fuqhom mija fil-mija, li juru jekk bniedem huwiex rieqed jew le. Il-moħħ u wisq kumplikat biex nifmuh.

Waqt operazzjoni jinqalgħu inċidenti fejn il-pazjent tista’ tinżillu l-pressjoni ħesrem jew għax ikun hemm telf ta’ demm, jew il-qalb tkun iddagħjfet. Meta jiġri hekk l-Anestetist inaqqas l-Anestesija għax din, min-natura tagħha, tbaxxi il-pressjoni w iddagħjef il-qalb. F’dawn iċ-ċirkustanzi jiżdied ir-riskju li l-pazjent jistejqer biżżejjed biex jibda jagħraf x’qed jiġri (jiġi konxju)

Ċerti operazzjonijiet min natura tagħhom jagħtu aktar lok li jiġri dan:

F’operazzjonijiet ta’ emerġenza wara xi inċident fejn jintilef ħafna demm, iċ-ċans li jiġri dan huwa ta’ 1 f’20.

F’operazzjonijiet fuq il-qalb, iċ-ċans huwa ta’ 1 f’100.

F’operazzjonijiet Ċesarji, speċjalment t’ emerġenza, iċ-cans huwa ta’ 1 fi 250.

L-istess jiġri, jekk il-kundizzjoni tiegħek qabel l-operazzjoni tkun debboli.

Fatturi oħrajn jinkludu:

Jekk inti tkun imdorri tixrob ħafna alkoħol,

Jekk tieħu ċerti tip ta’ mediċini li jdarru l-fwied li jaħraq ħafna medicini (inkluż l-Anestesija) b’mod mgħaġġel għal-aħħar.

Importanti li tgħarraf lill-Anestetist tiegħek jekk taħseb li jkun ġralek hekk f’xi operazzjoni qabel, biex jittieħdu aktar prekawzjonijiet mis-soltu, biex kemm jista’ jkun ma jerġgħax jiġrilek l-istess.

16) Kumplikazzjonijiet minħabba kundizzjoni medika li kienu jeżistu minn qabel l-operazzjoni.

L-Anestetist jagħraf il-problemi mediċi li tkun qed tbati minnhom u jaddatta l-Anestesija għal kundizzjoni tiegħek.

Jekk jaħseb li jkun għal-aħjar tiegħek jagħmel arrangamenti biex ikollok sodda fil-qasam tal-Kura Intensiva, biex dawn il-kumplikazzjonijiet jiġu evitati jew indokrati.

17) Ir-riskju li tmut waqt li tkun taħt l-effett tal-Anestesija naqas għal 1 fi 250,000.

Dan minkeja li aktar u aktar pazjent debboli qed jiġu aċċettati għal-operazzjoni u l-operazzjonijiet innifishom qed ikunu aktar twal u kumplikati. Hu kkalkulat li dan ir-riskju, kien 1 kull 5,000 operazzjoni f’l-1960, 1 kull 10,000 f’l-1970 u 1 kull 20,000 f’l-1990. Dan juri il-progress kbir u kontinwu li sar f’dawn l-aħħar snin.

Biex tkun tista tqabbel, ir-riskju li tmut b’inċident tat-traffiku hu ta’ 1 f’ 20,000 kull sena.

Tlett kwarti mir-riskju jkun dovut għal problemi ta’ saħħa tal-pażjent, bħal eta′, mard tal-qalb, ċirkulazzjoni, pulmun jew kliewi. Il-bqija tar-riskju jkun dovut minħabba kumplikazzjonijiet tal-operazzjoni (20%) jew l-Anestesija innifisha (5%)

About the Author

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

You may also like these